Żjarat ta' studju
Il-Parlament Ewropew joffri żewġ tipi ta' Żjarat ta' Studju: Żjarat ta Studju fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew u Żjarat ta' Studju mal-Membri tal-Parlament Ewropew.
Żjarat ta’ studju fis-Segretarjat
Dawn iż-żjarat huma mfassla biex jipprovdu lil ċittadini minn kull nazzjonalità, li jkollhom minn tal-anqas 18-il sena, opportunitajiet għal studju aktar dettaljat dwar suġġetti speċifiċi relatati mal-integrazzjoni Ewropea. Jingħataw ukoll il-possibbiltà li jagħmlu riċerka fil-librerija jew fl-arkivji storiċi tal-Parlament Ewropew.
Żjara ta’ studju tista’ ddum massimu ta’ xahrejn. Kull min ikun diġà għamel żjara ta’ studju, traineeship jew kellu kuntratt ta’ impjieg mal-Parlament Ewropew jeħtieġlu jistenna sitt xhur qabel ma japplika. Bl-istess mod, kandidat li jkun temm żjara ta’ studju jeħtieġlu jistenna sitt xhur qabel japplika għal traineeship.
Għandek tibgħat l-applikazzjoni tiegħek għal żjara ta’ studju lil PERS-Studyvisit@ep.europa.eu minn tal-inqas xahar qabel il-jum maħsub taż-żjara, billi jintbagħtu d-dokumenti li ġejjin:
- dikjarazzjoni personali b’informazzjoni dettaljata dwar is-suġġett speċifiku relatat mal-integrazzjoni Ewropea li tixtieq tistudja matul iż-żjara, il-mezzi li tixtieq tuża (konsultazzjoni ta’ dokumenti fil-libreriji jew l-arkivji tal-Istituzzjoni jew kuntatti ma’ uffiċjali speċjalizzati) u d-dati speċifiċi li matulhom tixtieq tagħmel iż-żjara ta’ studju. Għandek tindika wkoll eżattament f’liema DĠ u direttorat tixtieq tagħmel iż-żjara ta’ studju. L-organigramma tas-Segretarjat tal-Parlament Ewropew tista’ tiġi kkonsultata permezz tal-link li ġej: organizzazzjoni.
- curriculum vitae (b’indirizz postali, għal finijiet amministrattivi).
- kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport validi tiegħek.
- ċertifikat tar-rekord kriminali jew, soġġett għal qbil minn qabel tal-awtorità kompetenti, ittra ta’ referenza maħruġa minn istituzzjoni edukattiva jew minn impjegatur, li tagħti prova tal-imġiba tajba tiegħek b’referenza għall-perjodu ta’ studju jew impjieg li tkun għamilt tul l-aħħar tnax-il xahar qabel ma bgħatt l-applikazzjoni tiegħek.
Ladarba jiġi vverifikat li d-dipartimenti u l-korpi rilevanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jakkomodaw il-viżitaturi għal skopijiet ta’ studju, int se tiġi informat dwar jekk l-applikazzjoni tiegħek irnexxietx.
Bi qbil mar-regoli fis-seħħ, il-Parlament Ewropew mhu se jagħmel tajjeb għall-ebda spiża, ta’ kwalunkwe natura, imġarrba mill-viżitaturi għal skopijiet ta’ studju.
Dawk li jattendu żjara ta’ studju huma koperti kontra aċċidenti li jistgħu jseħħu matul iż-żjara tagħhom, permezz tal-polza tal-assigurazzjoni li ġejja: “Allianz Care – Assigurazzjoni ta’ grupp kontra l-aċċidenti għall-persunal mhux statutorju tal-UE (PMO/2021/OP/0004)”. Aktar dettalji dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni jistgħu jinstabu f’dan il-fuljett ta’ informazzjoni dwar din il-kopertura.
Contact:
-
Parlament Ewropew - Żjarat ta' Studju fis-SegretarjatContact data:
-
Address:
Biex tikseb aktar informazzjoni jew tirreġistra għal żjara ta' studju, għandek tikkuntattja lil:
- PERS-Studyvisit@ep.europa.eu
-
Żjarat ta' Studju mal-Membri tal-Parlament Ewropew
Il-membri jistgħu joffru opportunitajiet għal studju dettaljat ta' suġġetti relatati mal-Unjoni Ewropea billi jqattgħu perjodu fl-uffiċċju tal-Parlament tal-Membri fi Brussell jew fi Strasburgu (il-post ta' assenjazzjoni jista' jkun Strasburgu għall-Membri li jużaw l-uffiċċji tagħhom hemmhekk fuq bażi permanenti). It-tul massimu ta' żjara ta' studju huwa ta' sitt ġimgħat u l-viżitaturi ta' studju huma intitolati wkoll li jintbagħtu fuq missjoni f'post tax-xogħol ieħor tal-Parlament Ewropew (Brussell jew Strasburgu).
Sabiex tapplika għal żjara ta' studju ma' Membru tal-Parlament Ewropew, jekk jogħġbok applika direttament mal-Membru li tixtieq. Tista' ssib lista tal-Membri tal-Parlament Ewropew u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom hawnhekk.
Il-viżitaturi ta' studju mal-Membri jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
- ikollhom għarfien profond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
- ma jkunux parti minn kuntratt ta' impjieg jew minn xi relazzjoni ta' ħidma kuntrattwali matul iż-żjara ta' studju tagħhom;
- ma jkunux servew qabel bħala assistent parlamentari ta' Membru; u
- jekk mhumiex ċittadini tal-UE, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' residenza u impjieg tal-Istat Membru ospitanti qabel ma jidħlu fil-pajjiż fejn ikunu ġew assenjati, u għat-tul kollu taż-żjara ta' studju.
Kull viżitatur ta' studju ma' Membru se jintalab jippreżenta:
- kopja skennjata tal-passaport jew tal-karta tal-identità nazzjonali validi.
- curriculum vitæ aġġornat; u
- dikjarazzjoni personali li tindika l-Membru li miegħu jixtiequ jiksbu l-esperjenza tax-xogħol tagħhom kif ukoll l-għan u l-perjodu mixtieq taż-żjara.
Il-parteċipanti fiż-żjarat ta' studju ma għandhom jirċievu l-ebda tip ta' allowance. Fuq talba tal-Membru kkonċernat, il-viżitaturi ta' studju jistgħu jingħataw kumpens finanzjarju ta' darba proporzjonali għat-tul taż-żjara. L-ammont totali tal-kumpens għall-perjodu massimu ma jistax jaqbeż EUR 1555.
Dawk kollha li jattendu żjara ta’ studju huma koperti kontra aċċidenti li jistgħu jseħħu matul din iż-żjara, permezz tal-polza tal-assigurazzjoni li ġejja: “Allianz Care - Assigurazzjoni ta’ grupp kontra l-aċċidenti għall-persunal mhux statutorju tal-UE (PMO/2021/OP/0004)”. Aktar dettalji dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni jistgħu jinstabu f’dan il-fuljett ta’ informazzjoni dwar din il-kopertura.
Contact:
-
Parlament Ewropew - Żjarat ta' Studju mal-Membri tal-Parlament EwropewContact data:
-
Address:
Jekk għandek xi mistoqsijiet oħra, rigward iż-żjarat ta' studju mal-Membri tal-Parlament Ewropew għandek tikkuntattja lil:
- PERS-MEP-StudyVisits@europarl.europa.eu
-