Il-gruppi tal-lobbisti u t-trasparenza
Il-Parlament Ewropew impenja ruħu favur il-promozzjoni tat-trasparenza u l-etika f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet tal-lobbying. Flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, juża reġistru komuni tat-trasparenza għas-sorveljanza tal-attivitajiet tar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess. Il-Membri tal-PE jippubblikaw ukoll informazzjoni dwar il-kuntatti tagħhom mal-gruppi tal-lobbisti.
Ir-Reġistru tat-Trasparenza huwa bażi tad-data online li telenka l-gruppi u l-organizzazzjonijiet li jippruvaw jinfluwenzaw il-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE. Huwa mfassal biex juri liema interessi qed jiġu rappreżentati fil-livell tal-UE u f’isem min, kif ukoll ir-riżorsi finanzjarji u umani ddedikati għal dawn l-attivitajiet.
Għaliex huwa importanti d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gruppi tal-lobbisti?
L-istituzzjonijiet tal-UE jinteraġixxu ma’ firxa wiesgħa ta’ gruppi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi speċifiċi u jwettqu attivitajiet ta’ lobbying. Din hija parti leġittima u neċessarja tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jirriflettu l-ħtiġijiet reali tan-nies.
It-tipi kollha ta’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess jistgħu jagħtu lill-Parlament għarfien u għarfien espert speċifiku f’bosta oqsma ekonomiċi, soċjali, ambjentali u xjentifiċi. Huma jistgħu jaqdu rwol ewlieni fi djalogu miftuħ u pluralista li fuqu hija bbażata sistema demokratika.
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi qafas għal, u jfittex li jkattar relazzjonijiet trasparenti u etiċi fost l-istituzzjonijiet Ewropej u l-mexxejja politiċi Ewropej, minn naħa, u s-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, min-naħa l-oħra.
L-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-Unjoni; l-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.
(L-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea)
Ir-Reġistru tat-Trasparenza
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom Reġistru tat-Trasparenza konġunt biex juru l-impenn tagħhom li jkunu miftuħa u trasparenti.
Ir-Reġistru tat-Trasparenza jagħmilha aktar faċli għan-nies biex jiksbu informazzjoni dwar attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi li jseħħu vis-à-vis l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll data statistika dwar il-partijiet reġistrati kollha.
Ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess kollha huma mistiedna jirreġistraw volontarjament jekk isegwu attivitajiet maħsuba biex jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika, l-implimentazzjoni tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, kull istituzzjoni għandha regoli fis-seħħ biex issaħħaħ il-qafas, billi tagħmel ir-reġistrazzjoni prekundizzjoni għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi. Barra minn hekk, ir-reġistranti kollha jridu jirrispettaw il-Kodiċi ta’ Kondotta għar-reġistranti. Tista’ tiċċekkja r-regoli rilevanti u miżuri oħra ta’ trasparenza ta’ kull istituzzjoni f’din il-paġna.
Pereżempju, ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja sabiex tintalab badge ta’ aċċess għall-Parlament Ewropew. Ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess rreġistrati jistgħu jitolbu dan l-aċċess online biss.
Barra minn hekk, ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess irreġistrati biss jistgħu jiġu mistiedna bħala kelliema għal seduti ta’ smigħ pubbliċi tal-kumitati u jappoġġjaw u jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-intergruppi u l-gruppi mhux uffiċjali tal-Membri tal-PE. Miżuri komplementari jiżguraw li r-reġistranti jkunu jistgħu faċilment: jirċievu notifiki dwar l-attivitajiet tal-kumitati, jorganizzaw avvenimenti b’mod konġunt u jitolbu l-patroċinju tal-President.
Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar Reġistru tat-Trasparenza obbligatorju, bid-dikjarazzjoni politika tiegħu, jistabbilixxi liema attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-interessi jew ta’ lobbying huma koperti, it-tip ta’ informazzjoni li r-reġistranti huma mistennija jipprovdu, kodiċi ta’ kondotta għar-reġistranti u proċedura għal ilmenti dwar l-organizzazzjonijiet reġistrati.
Ir-Reġistru tat-Trasparenza huwa mmaniġġjat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea. Is-Segretarji Ġenerali tat-tliet istituzzjonijiet jirregolaw l-implimentazzjoni tal-ftehim permezz ta’ Bord tat-Tmexxija, u Segretarjat konġunt magħmul minn uffiċjali minn kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet jieħu ħsieb l-operazzjonijiet ta’ kuljum tar-reġistru. Tista’ taqra r-rapporti annwali hawnhekk:
Tista’ taqra dwar in-negozjati bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li wasslu għal dan il-ftehim interistituzzjonali f’din il-paġna ddedikata.
Trasparenza
Il-pubblikazzjoni tal-laqgħat skedati
Il-Membri kollha huma meħtieġa jippubblikaw informazzjoni online dwar il-laqgħat skedati tagħhom ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta’ trasparenza u mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi mhux tal-UE.
Dan ifisser kwalunkwe laqgħa relatata mal-ħidma parlamentari (rapport, opinjoni, riżoluzzjoni, dibattitu plenarju jew urġenza) li ssir bl-għan li tinfluwenza l-politika jew il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej, kemm jekk personalment kif ukoll jekk b’mod remot.
Il-pubblikazzjoni ta’ tali laqgħat hija obbligatorja għall-Membri kollha, irrispettivament minn jekk jattendux il-laqgħa personalment jew jekk jibagħtux lill-assistenti parlamentari tagħhom f’isimhom.
L-informazzjoni dwar il-laqgħat tiġi ppubblikata fil-paġni tal-profil tal-Membri.
Aktar informazzjoni: Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-Integrità u t-Trasparenza: Artikolu 7 - Pubblikazzjoni tal-laqgħat.
Dikjarazzjoni tal-input
Ir-rapporteurs u r-rapporteurs għal opinjoni huma meħtieġa jelenkaw l-entitajiet jew il-persuni li mingħandhom ikunu rċevew kontribut dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-suġġett inkwistjoni f’anness għar-rapporti jew l-opinjonijiet tagħhom.
Lista bħal din tista’ turi l-firxa ta’ għarfien espert estern u l-kontribuzzjonijiet li r-rapporteur ikun talab, aċċetta, jew sa ċertu punt ikkunsidra. Din imbagħad tiġi ppubblikata mar-rapport wara l-adozzjoni tiegħu fil-kumitat u tippermetti lin-nies li jaraw ma’ min ikkonsulta r-rapporteur qabel il-vot finali mill-Parlament kollu.
Hija indipendenti mill-pubblikazzjoni tal-laqgħat mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, iżda r-rapporteurs jistgħu jużawha biex jikkomplementaw id-dikjarazzjonijiet tal-laqgħat tagħhom mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.
Id-dikjarazzjoni ta’ appoġġ għall-intergruppi u gruppi oħra mhux uffiċjali
L-intergruppi huma gruppi mhux uffiċjali ffurmati minn Membri individwali bl-iskop li jsiru skambji informali ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi u li jiġu promossi kuntatti bejn il-Membri u s-soċjetà ċivili.
Il-gruppi tal-lobbisti li huma rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza biss jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet organizzati mill-intergruppi jew gruppi mhux uffiċjali oħra fil-bini tal-Parlament billi joffrulhom appoġġ, jew billi jospitaw l-avvenimenti tagħhom b’mod konġunt.
Għandha ssir dikjarazzjoni annwali ta’ kwalunkwe appoġġ riċevut, kemm jekk fi flus jew in natura (eż. assistenza segretarjali), mill-presidenti tal-intergruppi u tiġi aġġornata kull sena. Dawn id-dikjarazzjonijiet kollha u l-lista tal-Membri ta’ kull intergrupp jistgħu jiġu aċċessati fil-link t’hawn taħt (ara “Aktar informazzjoni”).
Il-membri ta’ gruppi mhux uffiċjali huma meħtieġa wkoll jiddikjaraw fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati tagħhom, sa tmiem ix-xahar ta’ wara, kull appoġġ li jirċievu f’isem grupp mhux uffiċjali, kemm jekk fi flus kontanti jew in natura.
Aktar informazzjoni: Regoli ta’ Proċedura: Artikolu 35 - Intergruppi u Artikolu 36 - Gruppi mhux uffiċjali; Intergruppi tal-Parlament Ewropew.
L-interazzjonijiet tal-persunal mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess
Il-membri tal-persunal tal-Parlament, kif ukoll l-impjegati kollha taċ-ċivil tal-UE, huma meħtieġa jippreservaw l-indipendenza professjonali u personali tagħhom.
Huma jeħtiġilhom jaġixxu b'mod konsistenti mal-indipendenza tal-pożizzjoni tagħhom u mal-prinċipju ta' integrità, kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal.
Għal dan il-għan, hemm xi Rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-interazzjoni ta' uffiċjali pubbliċi mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess.