Il-Parlament Ewropew
fl-azzjoni
Punti Prinċipali 1999-2004

 
Il-Parlament Ewropew
Riforma ta’ l-UE
Tkabbir
Id-drittijiet taċ-ċittadini
Il-Ġustizzja
u l-affarijiet ta’ l-intern
Relazzjonijiet barranin
Is-Sigurtà u Difiża
Id-Drittijiet Umani
Il-Balkani
Il-ftehim ma’ pajjizi
mhux ta’ l-UE
Il-kummerċ barrani
Il-kooperazzjoni ta’ żvilupp
L-UE-AKP
Il-mini kontra l-personal
Protezzjoni Ambjentali /
tal-Konsumatur
Trasport / Politika Reġjonali
Agrikoltura / Sajd
Il-politika ekonomika
u monetarja
Il-Politika ta’ l-Impjiegi
u Soċjali / Drittijiet tan-nisa
Suq intern / Industrija / Enerġija / Riċerka
 

EPP-ED PSE Group ELDR GUE/NGL The Greens| European Free Alliance UEN EDD/PDE

> Common Foreign and Security Policy
> European Security and Defence Policy
> A wider Europe
> Foreign and Security Policy


Il-politika barranija, tas-sigurtà u d-difiża: pass wara l-ieħor

Matul kwart ta' seklu, l-Istati Membri ta' l-UE iddiskutew dwar kwistjonijiet ta' politika internazzjonali, iżda fil-prattika m'għamlux wisq dwarhom għajr li ħarġu xi stqarrijiet. It-tmiem ta' l-imperu Sovjetiku u d-destabilizzazzjoni fil-Balkani u fl-Ewropa tal-Lvant, wassal sabiex il-politika barranija, tas-sigurtà u d-difiża qiegħda tħasseb aktar lill-UE, għalkemm mhux sal-punt li twassal għal politika verament effettiva kif jixtiequ l-maġġoranza tal-pubbliku u ta' l-Membri tal-PE. Il-Parlament Ewropew dejjem saħaq għal approċċ aktar ambizzjuż, f'termini ta' miżuri prattiċi, istituzzjonijiet konġunti effettivi u riżorsi operattivi. L-attakki tal-11 ta' Settembru 2001 taw aktar piż lil dawn it-talbiet.

Il-Membri tal-PE jemmnu li l-UE tkun f'pożizzjoni li titkellem b'vuċi waħda fuq ix-xena dinjija biss meta l-Istati Membri tagħha jaslu għar-rieda politika biex jaqblu fuq strateġija ċara u istituzzjonijiet effettivi. Għal ħafna żmien il-politika barranija komuni ta' l-UE kienet limitata biss għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, għajnuna ekonomika u ta' emerġenza. It-Trattat ta' Maastricht, li daħal fis-seħħ fl-1993, żied strument ieħor: politika barranija u ta' sigurtà komuni (CFSP). Minkejja dan, b'mod differenti mis-suq komuni, per eżempju, is-CFSP m'hijiex ġenwinament politika "Komunitarja". Minflok, id-deċiżjonijiet fundamentali jittieħdu mill-Kunsill tal-Ministri, jiġifieri mill-gvernijiet nazzjonali, u s-soltu jeħtieġu vot unanimu. Il-Kummissjoni u l-Parlament ftit li xejn huma involuti.

It-Trattat ta' Amsterdam, li daħal fis-seħħ fl-1999, ipprova jsib rimedju għal żewġ problemi. L-ewwelnett, l-UE kisbet id-dritt li tintervjeni b'mod militari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi għal missjonijiet umanitarji, ta' żamma u tal-kisba tal-paċi (l'hekk imsejħa "missjonijiet ta' Petersberg"). It-tieninett, saret ħatra ta' Rappreżentant Għoli għas-CFSP bil-għan li din tipprova tirrifletti l-impenn favur din il-politika. Però r-Rappreżentant Għoli dejjem jaġixxi f'isem l-Istati Membri u l-Kunsill. Barra minn hekk, ir-rwol tiegħu jista' jfixkel l-attivitajiet l-oħra ta' politika barranija tal-Kummissjoni (żvilupp, għajnuna umanitarja, politika kummerċjali). Iktar minn hekk, sabiex jinstab rimedju għall-paraliżi kkawżata mill-ħtieġa ta' unanimità li spiss wasslet għal sitwazzjoni fejn id-deċiżjonijiet kienu jiġu bbażati fuq l-inqas element komuni, it-Trattat ta' Amsterdam daħħal l-għażliet ta' "l-astensjoni kostruttiva" biex jippermetti li jittieħdu miżuri mingħajr l-appoġġ attiv ta' l-Istati Membri kollha, u tal-"kooperazzjoni miżjuda" biex jippermetti lil grupp ta' Stati li, jekk iridu, jikkooperaw aktar mill-qrib.

L-iżviluppi militari komplew fl-1999 meta l-Kunsill Ewropew ta' Helsinki ddeċieda li l-Istati Membri sa mill-2003 għandhom ikunu jistgħu jipprovdu truppi fi żmien 60 jum u jmantnu għal sena qawwiet militari ta' 50,000 jew 60,000 ruħ biex iwettqu l-missjonijiet ta' Petersberg.

Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-UE

Fl-2000, bil-għan li jkun hemm aktar koerenza u tkun aktar effettiva, il-Parlament Ewropew saħaq sabiex l-irwol tar-Rappreżentant Għoli u dak tal-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni jingħaqdu fil-kariga ta' Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-UE li jkollu l-grad ta' Viċi President tal-Kummissjoni. Il-Membri tal-PE iddifendew b'suċċess din l-idea fil-Konvenzjoni dwar il-Futur ta' l-Ewropa, u ġiet inkluża fl-abbozz tat-trattat kostituzzjonali. Però l-abbozz tal-kostituzzjoni ma tipprevedix li l-Parlament ikun kkonsultat aktar minn qabel f'dan l-ambitu, u s-sejħa ta' l-istess Parlament sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu b'maġġoranza kkwalifikata ma ntlaqgħatx, ħlief fil-każ ta' proposta mill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-UE li hija sostnuta mill-Kummissjoni.

Fuq livell operattiv, l-abbozz tal-kostituzzjoni jsemmi l-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea ta' l-Armamenti u t-twessigħ tal-missjonijiet ta' Petersberg biex jinkludu missjonijiet ta' diżarm u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Taħt "klawżola ta' solidarjetà" l-Istati Membri jgħinu lil xulxin u jipprovdu r-riżorsi ċivili u militari tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Membri tal-PE ipproponew ukoll li mat-Trattat tiżdied "klawżola ta' difiża kollettiva", li hi simili għall-klawżola tan-NATO, li tkun tapplika ghall-Istati Membri li jixtiquha, iżda din l-idea ma ġietx milqugħa.

Ir-rwol tal-Parlament qiegħed dejjem jikber

Għalkemm l-Istati Membri jieħdu d-deċiżjonijiet finali fuq kwestjonijiet ta' affarijiet barranin, sigurta' u difiża, il-Parlament Ewropew irid jiġi għallinqas infurmat minn qabel dwar il-mandat, il-kapaċitajiet u l-impatt finanzjarju ta' kull miżura politika u ta' kull missjoni maħsuba f'isem l-UE. Fl-aħħar snin, il-Membri tal-PE bnew rabtiet aktar mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, il-Kummissarji konċernati, il-Presidenza ta' l-Unjoni u l-mibgħuta speċjali ta' l-UE f'ċerti reġjuni tad-dinja.

Il-Membri tal-PE jistgħu ukoll iħeġġu li jittieħdu passi billi jieħdu sehem f'dibattiti politiċi u pubbliċi. Fir-rapporti, rakkomandazzjonijiet u mistoqsijiet li huma jagħmlu lid-diversi awtoritajiet ta' l-UE, huma jistgħu jeżerċitaw xi influwenza, per eżempju billi jħeġġu lill-Kummissjoni biex tressaq xi miżuri. Fuq kollox, il-Parlament għandu poteri fuq il-budget li jkopru l-miżuri li għandhom x'jaqsmu mas-CFSP (madwar 50 miljun ewro għas-sena 2003). Il-Parlament però m'għandu l-ebda poter fuq il-baġit tad-difiża li taqa' direttament taħt il-baġit ta' l-Istati Membri.

Il-prioritajiet politiċi tal-Parlament Ewropew huma mfissra kull sena fir-rapport annwali dwar il-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża ta' l-UE. Fl-2002, il-Membri tal-PE wrew is-sodisfazzjon tagħhom għall-kooperazzjoni bla preċedenti bejn l-istituzzjonijiet ta' l-UE wara l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001 u ssuġġerew li jiġu miġġielda l-għeruq tat-terroriżmu billi jiġi stabbilit djalogu ma' l-istati dgħajfin u instabbli. Fl-2003 huma approvaw l-involviment ta' l-UE fil-kriżi Afgana, mhux biss fuq il-livell politiku u ekonomiku iżda wkoll fuq dak militari, permezz tal-International Security Assistance Force (ISAF). Però huma kkundannaw il-fatt li l-gwerra fl-Iraq għamlet ħsara lill-kredibbiltà tas-CFSP u qalu li din tissewwa skond il-kapaċitajiet militari ta' l-UE u x-xewqa ta' l-Unjoni li tipprovdihom.

L-ewwel missjonijiet militari

Fl-2003 l-UE tat bidu għall-ewwel mit-tliet missjonijiet tagħha f'żoni ta' kriżi u ħadet responsabbiltajiet viżibbli f'dawn il-postijiet. Fl-1 ta' Jannar 2003, korp ta' 500 pulizija ta' l-UE ħa post il-Ġnus Maqgħuda fil-Bosnia-Herzegovina għal perjodu ta' tliet snin, ukoll sabiex tħarreġ il-korp tal-pulizija lokali. F'Marzu 2003 l-UE wettqet l-ewwel missjoni militari tagħha, meta ħadet post in-NATO fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. L-UE pprovdiet forza militari ta' 350 suldat (magħrufa bħala Operation Concordia), biex tipprova tistabbilixxi l-paċi meħtieġa sabiex jitwettqu riformi istituzzjonali. Ma' din żdiedet missjoni tal-pulizija (200 uffiċjal, magħrufa bħala Operation Proxima). Fl-aħħarnett, l-ewwel missjoni militari indipendenti ta' l-UE kienet Operation Artemis fir-reġjun ta' Ituri fil-Kongo. Dan juri li l-UE hija bażikament lesta li taċċetta l-idea li tibgħat truppi Ewropej għal interventi militari umanitarji, anke barra mill-kontinent Ewropew.

Le għall-gwerra ta' l-Iraq

F'rapport imħejji f'Mejju 2002, il-Parlament widdeb lill-komunità internazzjonali dwar il-programm ta' armamenti nukleari tar-reġim Iraqin. Fih jintqal li l-Iraq qiegħed f'pożizzjoni li jkollu armi nukleari fi żmien ħames snin jekk jitneħħew is-sanzjonijiet kontra l-pajjiż. Il-Membri tal-PE għalhekk sejħu għat-tkomplija ta' l-embargo fuq l-armi imma wkoll għat-twaqqif tas-sanzjonijiet l-oħra. Il-Parlament ħeġġeg ukoll soluzzjoni politika multilaterali taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti. Huwa kien kontra kull azzjoni militari mhux koperta mir-riżoluzzjonijiet tal-Ġnus Maqgħuda u sejħet lill-awtoritajiet Iraqini biex jaċċettaw l-ispezzjonijiet ta' l-UNMOVIC (United Nations Monitoring, Verification and Inspection Commission). Il-Membri tal-PE ikkundannaw ukoll ħafna vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq.

Fit-30 ta' Jannar 2003, ftit gimgħat qabel ma faqqgħet il-gwerra, l-Parlament addotta riżoluzzjoni dwar l-Iraq b'287 vot favur, 209 kontra u 26 astensjoni. Il-Membri tal-PE qalu li l-ksur tar-Riżoluzzjoni 1441 tan-NU identifikat mill-ispetturi tan-NU ma kinux jiġġustifikaw azzjoni militari. Huma opponew kull miżura militari unilaterali u sostnew li attakk preventiv kien imur kontra l-liġi internazzjonali. Wara li bdiet il-gwerra, il-Membri tal-PE ma kinux immuni mill-firdiet li nibtu bejn il-gvernijiet Ewropej u ma rnexxilhomx jieħdu pożizzjoni komuni ġdida dwar il-gwerra. Madankollu, rapport dwar ir-rikostruzzjoni tal-pajjiż ingħata appoġġ mifrux.

Il-Parlament u l-Lvant Nofsani

F'Ottubru ta' l-2003, meta l-vjolenza fil-Lvant Nofsani kienet ħaġa ta' kuljum, il-Parlament addotta rapport li għamel sejħa sabiex kemm il-Gvern Iżraeljan kif ukoll l-Awtorità tal-Palestina japplikaw mingħajr kundizzjoni r-"road map" imħejjija mill-Kwartett (l-Stati Uniti, ir-Russja, l-EU u n-NU). Il-Parlament għamel sejħa għall-koeżistenza bejn żewġ stati sovrani, bid-dritt għal kull wieħed minnhom li jgħix f'sigurtà. Il-Membri tal-PE ikkundannaw bil-qawwa t-terroriżmu Palestinjan u sejħu lill-Awtorità Palestinjana sabiex terġa' tistabblilixxi l-ordni pubbliku u tagħmel sforzi konkreti u aktar viżibbli biex ixxolji l-organizzazzjonijiet terroristiċi. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Iżraeljan ġie mħeġġeġ sabiex jirtira t-truppi militari tiegħu mit-territorji Palestinjani, iwaqqaf il-qtil immirat u jiffriża t-tifrix tal-qagħdiet kif ukoll il-bini tal-"ħajt ta' sigurtà".

F'April ta' l-2002, il-Parlament addotta rakkomandazzjoni lill-Kunsill li fiha ħeġġu sabiex jissospendi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael (269 vot favur, 208 kontra u 22 astensjoni) minħabba fl-eskalazzjoni militari mwettqa mill-Gvern Iżraeljan. Madankollu, il-Kunsill tal-Ministri ma mexiex skond din ir-rakkomandazzjoni.
Barra minn hekk, fi Frar ta' l-2003, wara talba ffirmata minn madwar 170 Membru tal-PE, twaqqaf grupp ta' xogħol sabiex jivverifika l-użu tal-fondi mogħtija mill-UE lill-Awtorità Palestinjana, minħabba li kien hemm il-biża' li dawn kienu qed jiġu wżati għal għanijiet oħra u saħansitra biex jiġu ffinanzjati netwerks terroristi. Dan il-grupp ta' xogħol twaqqaf fil-kuntest tad-dritt tal-PE li jikkontrolla t-trasparenza tal-kontijiet ta' l-UE, għalkemm m'għandux il-poteri investigattivi ta' kumitat ta' inkjesta uffiċjali. Fil-31 ta' Marzu 2004 il-grupp ta' xogħol addotta żewġ rapporti (wieħed ta' "maġġoranza" u ieħor ta' "minoranza"), minħabba fl-interpretazzjoni differenti ta' l-informazzjoni miksuba. Iż-żewġ rapporti għallinqas għandhom konklużjoni waħda komuni: jekk l-UE fil-futur tiddeċiedi li ġġedded l-għajnuna baġitarja lill-Awtorità Palestinjana, għandu jkun hemm kundizzjonijiet ċari u mekkaniżmi ta' kontroll aħjar. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu diskussi mit-tliet kumitati kompetenti (għall-budget, għall-kontroll tal-budget, u għall-affarijiet barranin) matul il-leġiżlatura li jmiss.



  
Rapporteurs:
  
L-izvilupp ta' politika komuni Ewropea ta' sigurtà u ta' difiza wara Köln u Helsinki: Catherine Lalumière (PES, F)
Kodici ta' mgieba dwar l-esportazzjoni ta' l-armi (l-1 rapport annwali): Gary Titley (PES, UK)
Kodici ta' mgieba dwar l-esportazzjoni ta' l-armi (it-2 rapport annwali): Gary Titley (PES, UK)
Kodici ta' mgieba dwar l-esportazzjoni ta' l-armi (it-3 rapport annwali): Gary Titley (PES, UK)
Kodici ta' mgieba dwar l-esportazzjoni ta' l-armi (ir-4 rapport annwali): Karl von Wogau (EPP-ED, D)
Is-sitwazzjoni fl-Iraq hdax-il sena wara l-Gwerra tal-Golf: Il-Barunessa Nicholson of Winterbourne (ELDR, UK)
Il-progress miksub fl-implimentazzjoni tas-CFSP: Elmar Brok (EPP-ED, D)
L-arkitettura l-gdida tas-sigurtà u d-difiza Ewropea: Philippe Morillon (EPP-ED, F)
L-aspetti ewlenija u l-ghazliet fundamentali tas-CFSP: il-konsegwenzi finanzjarji ghall-budget ta' l-UE: Philippe Morillon (EPP-ED, F)
Taghmir ta' difiza: il-politika, l-industrija u s-suq Ewropej: Luís Queiró (UEN, P)
  
Gurnal Ufficjali - Atti Finali:
  
L-izvilupp ta' politika komuni Ewropea ta' sigurtà u ta' difiza wara Köln u Helsinki - test addottat mill-Parlament
Kodici ta' mgieba dwar l-esportazzjoni ta' l-armi (l-1 rapport annwali) - test addottat mill-Parlament
Kodici ta' mgieba dwar l-esportazzjoni ta' l-armi (it-2 rapport annwali) - test addottat mill-Parlament
Kodici ta' mgieba dwar l-esportazzjoni ta' l-armi (ir-3 rapport annwali) - test addottat mill-Parlament
Kodici ta' mgieba dwar l-esportazzjoni ta' l-armi (ir-4 rapport annwali) - test addottat mill-Parlament
Is-sitwazzjoni fl-Iraq hdax-il sena wara l-Gwerra tal-Golf - test addottat mill-Parlament
Il-progress miksub fl-implimentazzjoni tas-CFSP - test addottat mill-Parlament
L-arkitettura l-gdida tas-sigurtà u d-difiza Ewropea - test addottat mill-Parlament
L-aspetti ewlenija u l-ghazliet fundamentali tas-CFSP: il-konsegwenzi finanzjarji ghall-budget ta' l-UE - test addottat mill-Parlament
Taghmir ta' difiza: il-politika, l-industrija u s-suq Ewropej - test addottat mill-Parlament

 

 

 
  Publishing deadline: 2 April 2004